Malta Food Agency

Din is-sena, il-Malta Food Agency tagħlaq ħames snin mit-twaqqif tagħha, ħames snin ta’ ħidma, kollaborazzjoni u inizjattivi maħsuba biex isaħħu s-settur tal-ikel f’Malta u Għawdex, filwaqt li dejjem iżommu lill-produttur fiċ-ċentru.

Il-ħidma tagħna bdiet bir-riforma tal-Pitkalija, iżda ma waqfitx hemm. Matul is-snin, irristrutturajna l-Pixkerija u organizzajna mill-ġdid il-Farmers Market, filwaqt li tajna lil kull suq identità distinta li tirrifletti aħjar ir-rwol u l-kontribut tiegħu fis-settur tal-ikel lokali.

Matul dawn is-snin, organizzajna avvenimenti li poġġew il-prodott lokali u n-nies warajh fuq quddiem nett, fosthom Festa Ikel Malti, il-Valletta Local Food Festival flimkien mal-Valletta Cultural Agency, ipparteċipajna b’mod sħiħ fl-AgriFair, u ħafna oħrajn. Permezz ta’ parteċipazzjoni strateġika f’fieri u espożizzjonijiet internazzjonali, komplejna wkoll nagħtu aktar viżibbiltà lill-prodotti Maltin u Għawdxin u noħolqu opportunitajiet biex dawn jilħqu swieq barranin.

Introduċejna pjattaformi diġitali li joffru esperjenza aktar faċli u effiċjenti kemm lill-produtturi tal-ikel kif ukoll lix-xerrejja. Nedejna wkoll il-Business Expansion Pilot Initiative (BEPI), inizjattiva li tgħin lill-produtturi jinvestu f’oqsma varji, sabiex il-prodotti tagħhom ikunu aktar kompetittivi u lesti għas-suq.

Fost il-kisbiet ewlenin insibu wkoll il-ftuħ tal-Pitkalija l-ġdida f’Għawdex, pass importanti biex insaħħu l-infrastruttura u s-servizzi offruti lill-bdiewa u lill-produtturi Għawdxin.

Saħħaħna wkoll is-sħubijiet tagħna ma’ organizzazzjonijiet oħra, fosthom l-Università ta’ Malta, kollaborazzjonijiet li qegħdin ikomplu jagħtu l-frott permezz tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ opportunitajiet ġodda għas-settur. Flimkien ma’ Koperattivi Malta, nedejna wkoll The Food Coop, inizjattiva li tkompli ssaħħaħ il-koperazzjoni u l-opportunitajiet għall-produtturi lokali.

L-impenn tagħna jestendi wkoll għall-ġenerazzjonijiet futuri. Permezz tal-inizjattiva Fish Fridays u l-pubblikazzjoniji Bnin u Attiv, qegħdin inħeġġu lit-tfal japprezzaw l-ikel lokali minn età żgħira u jagħmlu għażliet nutrittivi u tajbin għal saħħithom. Ippubblikajna wkoll il-ktieb Il-Ħalib: Storja, Xjenza u Kultura, li jesplora l-importanza tal-ħalib minn perspettiva storika, xjentifika u kulturali.

Permezz tal-parteċipazzjoni tagħna fi proġetti internazzjonali, fosthom INTERREG u EXCEL4MED, komplejna nġibu flimkien l-għarfien, ir-riċerka u l-innovazzjoni biex noħolqu opportunitajiet ġodda għas-settur tal-ikel lokali.

Fl-istess waqt, bqajna npoġġu s-solidarjetà fil-prattika. Permezz ta’ inizjattivi ta’ donazzjoni tal-ikel, għenna biex ikel tajjeb jasal għand persuni u familji fil-bżonn. Permezz ta’ Żomm! Tarmix, qegħdin inressqu flimkien negozji u għaqdiet sabiex ikel żejjed, li jkun għadu tajjeb għall-konsum, ma jintremiex iżda jingħata skop ġdid. B’hekk, innaqqsu l-ħela tal-ikel filwaqt li ngħinu lill-komunità.

Filwaqt li nħarsu lura b’sens ta’ kburija lejn il-progress li sar matul dawn l-aħħar ħames snin, inkomplu nħarsu ’l quddiem lejn il-futur b’aktar proġetti, aktar innovazzjoni u aktar inizjattivi.

Mill-Food Innovation Hub, li se jgħin lill-produtturi jiżviluppaw il-kreattività tagħhom, joħolqu u jittestjaw il-prodotti sabiex ikunu lesti għas-suq, sal-Farmers Market il-ġdid f’Ta’ Qali, li x-xogħlijiet fuqu se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin, u proġetti diġitali oħra, aħna ħerqana għal dak kollu li għad irid jiġi.

Dawn huma biss ftit mill-inizjattivi u l-kisbiet li sawru l-ewwel ħames snin tagħna. Illum, bħal dejjem, il-produttur jibqa’ fiċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu.

Ħames snin ta’ progress. Futur mimli innovazzjoni, opportunitajiet u impenn favur l-ikel lokali u l-produtturi li jipprovduhulna.