
Il-Malta Food Agency ħabbret il-proġett il-ġdid tal-Farmers Market f’Ta’ Qali, li se joħloq spazju modern u permanenti għall-bejgħ dirett ta’ prodotti lokali mill-produtturi Maltin u Għawdxin.
Il-proġett huwa mfassal biex ikun spazju miftuħ għall-familji, turisti u viżitaturi matul is-sena kollha, filwaqt li jkompli jippromwovi l-prodott lokali u jsaħħaħ il-konnessjoni bejn il-produttur lokali u l-konsumatur.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, Brian Vella, qal li “l-Farmers Market il-ġdid f’Ta’ Qali jirrifletti bidla nazzjonali fil-mod kif napprezzaw l-ikel, il-komunità u lill-produtturi Maltin u Għawdxin. Dan il-proġett huwa parti mill-viżjoni fit-tul tagħna li nsaħħu l-identità agrikola ta’ Malta filwaqt li nkomplu ngħaqqdu lin-nies mal-oriġini ta’ dak li jikkunsmaw. Billi noħolqu spazju ġdid fejn il-produtturi, il-familji u l-viżitaturi jiltaqgħu, qegħdin nippromwovu l-fiduċja, u s-sens ta’ kburija fil-prodott lokali. Hu investiment fis-sistemi tal-ikel tal-lum, iżda f’futur aktar reżiljenti u sostenibbli għal Malta.”
Justin John Camilleri, iċ-Chief Business Development Officer tal-Malta Food Agency qal li “l-aġenzija kienet strateġika u tat prijorità lill-Farmers Market biex ġie żviluppat fi pjattaforma mfassla biex ittejjeb l-esperjenza kemm tal-produttur kif ukoll tal-konsumatur. B’infrastruttura moderna u spazji ddedikati, il-bdiewa, is-sajjieda u l-produtturi jistgħu joperaw b’mod aktar effiċjenti u jippreżentaw il-prodotti tagħhom aħjar, filwaqt li l-klijenti jibbenefikaw minn ambjent aktar aċċessibbli. Dan iwassal għal esperjenza aktar diretta u sinifikanti bejn il-produtturi u l-pubbliku, li ttejjeb il-fiduċja u ssaħħaħ il-valur tal-prodott lokali fis-suq.”

